FR. GEORGE SCERRI mssp - mill-Perú
passat
Ħad-Dingli li niftakar jien kien raħal żgħir, kulħadd jaf lil kulħadd u anke kulħadd jiġi minn kulħadd. Kien raħal kwiet ferm aktar mil-llum u ta' tfal li konna ma konniex nafu x'inhu ħażen jew għira. Dejjem niftakarna kuntenti bil-ftit li kellna. Konna dejjem ngħinu lill-ġenituri fl-għelieqi anke peress li l-maġġoranza tad-Dinglin kienu bdiewa.
Jiena ta' ħames snin dħalt abbati u dejjem il-knisja kont inkun minkejja li konna noqgħodu ftit 'il bogħod. Kont naħdem fil-qrib ħafna mal-Kappillan Dun Karm Azzopardi (li llum midfun fiċ-ċimiterju ta' Ħad-Dingli). Meta aktar tard bdejt naħdem id-dockyard, kont immur kull jum ma' ħija l-kbir għall-quddiesa ta' l-04:30 am qabel ninżlu x-xogħol.
Kont ukoll fil-M.U.S.E.U.M. u ta' 12-il sena kont ngħallem il-katekiżmu, kelli klassi ta' madwar 30 tifel. Wara bdejt immur l-Azzjoni Kattolika ma' Dun Ġorġ Mercieca.
Issa ili erbgħin sena nieqes minn Ħad-Dingli u minn Malta, pero meta mmur Malta għall-vaganzi, l-hena tiegħi nkun fir-raħal tiegħi mal-familja tiegħi. Jiena mhux għax minn Ħad-Dingli, imma Ħad-Dingli jgħoġobni wisq!
preżent
MARY MICALLEF neé ZAHRA - mill-Awstralja
passat
Niftakar meta bdejt immur l-iskola fl-1951 kien hemm Miss Ebejer li kienet tgħallem Stage 1 u s-Surmast kien Ġuże’ Ebejer. Fi Stages 1 u 2 konna mħalltin subien u bniet imma minn Standard 1 ‘il quddiem konna nkunu mifrudin.
Niftakar wara l-iskola kont immur għand in-nanna Anni u kienet tagħtina naqra té u biskuttell jew galletta. Wara kont immur nixtrilha l-ħobż u l-ħalib tal-bott mingħand Anni ‘ta’ Marċjun’. Imbgħad kont immur il-M.U.S.E.U.M. u x’ħin jispiċċa mmorru dritt lejn id-dar għax aħna konna noqgħodu naqra ‘il barra mir-raħal, f’Misraħ Suffara, madwar nofs siegħa mixi u ġiri (għax aktar konna niġru milli nimxu dak iż-żmien).
Imbgħad kien hemm il-ħajja reliġjuża, il-Quddiesa tal-Ħadd u l-Festi, l-ewwel Ġimgħa tax-xahar u l-qrar kważi kull nhar ta’ Sibt.
Il-festa ta’ Corpus Christi bil-purċissjoni, konna nistennewha kull sena. Il-festa ta’ Santa Marija li kienet bħalma hi llum, Ħadd wara l-15 ta’ Awissu, kienet vera gost. Ta’ tfal li konna, naraw in-nar ta’ l-art lejliet il-festa u n-nar ta’ l-ajru nhar il-festa. L-aktar li konna nistennew kienet li nżanżnu xi libsa ġdida u nixtru xi naqra qubbajt.
Niftakar fil-coronation tar-reġina Eliżabetta II, kienu tawna badge kulur id-deheb u r-reġina ġiet Ħad-Dingli ... morna narawha l-ground tal-football (il-Ħawli), lilha u l-prinċep Philip.
Meta ħriġt mill-iskola kont ngħin lil ommi fid-dar u mort ukoll nitgħallem inħit.
Ma tantx konna noħorġu ħlief għal xi passiġġata fuq l-irdum jew immorru għand iz-zijiet il-Girgenti. Dak iż-żmien ma tantx kien hawn karozzi lanqas, għalkemm tal-linja dejjem niftakarhom.
Ma kellniex lussu, pero konna kuntenti u qatt ma konna neqsin mill-bżonnijiet bażiċi tal-ħajja bħall-edukazzjoni, ħwejjeġ u ikel avolja konna familja kbira.
Jiena tlaqt minn Ħad-Dingli meta żżewwiġt fl-1963.
preżent