SORS: ĦAD-DINGLI - Raħal f'Taqbida mal-Ħajja

Ħad-Dingli huwa villaġġ żgħir fil-Lbiċ ta' Malta, maqtugħ mhux ħażin miċ-ċentru tal-gżira. Jinsab f'għoli ta' 250 metru (madwar 800 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. B'dan l-għoli, Ħad-Dingli jidher minn ħafna partijiet tal-gżira, mhux biss dawk qrib. Ħad-Dingli għandu karattru uniku b'raħal li jinsab pass bogħod mill-baħar iżda b'popolazzjoni ta' bdiewa u mhux ta' sajjieda. L-irdumijiet ta' Ħad-Dingli li jifirdu l-bniedem mill-baħar, dejjem qanqlu moħħ il-bniedem biex jaħseb fuq iż-żminijiet Preistoriċi speċjalment biż-żonqor tul il-firxa ta' blat fl-irdumijiet u li fihom sinjali b'xhieda tal-preżenza umana fit-taqbida mal-ħajja.
DAĦLA PREISTORIKA
Id-distanza li dan ir-raħal għandu miċ-ċentru tal-gżira kienet tinħass ferm aktar mil-llum meta t-trasport kien għadu limitat u dak pubbliku kien jasal biss sar-Rabat. Iżda minkejja li Ħad-Dingli huwa villaġġ pjuttost żgħir, l-istorja twila tiegħu tagħtih glorja liema bħalha. Fil-fatt, dan ir-raħal ra l-bidu tiegħu sa minn żminijiet remoti ħafna u era wara era, naraw li dan ir-raħal dejjem kien abitat.
L-eqdem evidenzi ta' attivita' f'Ħad-Dingli teħodna lura saż-żmien Preistoriku. Fil-fatt wara ħafna riċerki li saru, illum il-ġurnata l-arkeologi, l-istoriċi u l-ġeologi kkonkludew illi dawk li sa llum huma magħrufa bħala 'cart ruts' jew raddi paralleli, ma huma xejn għajr barrieri preistoriċi li pprovdew materjal għal bini ta' dik l-era tant misterjuża.

il-cart ruts, jew aħjar barrieri preistoriċi
MAL-MEDDA TAS-SEKLI
Nistgħu nsemmu wkoll żmien il-Feniċi u l-Kartaginizi li f'dawn l-inħawi tal-gżira ħaffru oqbra fil-blat u b'dak illi nstab fihom, jidher li l-kremazzjoni kienet diġa pprattikata. F'dawn l-oqbra nstabu wkoll oġġetti tax-xogħol u ornamentali li huwa xhieda ta' l-era meta ntużaw dawn l-oqbra. L-istess strutturi ntużaw fi żmien ir-Rumani. F'Ħad-Dingli ma hemmx wisq distinzjoni bejn dawn l-eri differenti li għex pajjiżna, u dan jixhed li dan ir-raħal kien dejjem abitat. Fl-akwati magħrufa bħala 'Ta' Baldu', isem derivat mill-propjetarju Teobaldo, instabu banjijiet Rumani strutturati fl-għerien.
Fi żmien ir-Rumani, Malta ġiet evanġelizzata minn Missierna San Pawl iżda l-prattika tar-reliġjon kienet waħda klandestina sakemm l-imperu ħareġ editt ta' tolleranza fis-sena 311 u ieħor ta' liberta' fis-sena 313. Wara l-ħakma Rumana, l-istorja ta' Ħad-Dingli hija kemmxejn nieqsa mill-informazzjoni minħabba l-fatt li fi żmien il-ħakma Għarbija, Malta ġiet żvujtata għal kollox għal madwar mitt sena. Ma tantx hu ċar dan iż-żmien, anke minħabba li baqgħu jħaddnu tradizzjonijiet minn qabel zmien l-Għarab. L-istorici jsostnu li l-gżira kienet vojta f'mument partikolari iżda meta l-Konti Ruggieru ħa lil Malta taħt idejh, kien hawn Ħakem f'Malta. Li hu żgur huwa li fl-1175 meta l-Isqof Burchard informa lill-Imperatur Federiku II dwar is-sitwazzjoni f'Malta, insibu nnotat li Malta kienet għadha 'miżgħuda bil-Misilmin'. Wara dan, il-Maltin bil-mod 'il mod għaddiet kollha kemm hi għat-twemmin Nisrani. Kien propju wara dan iż-żmien meta Malta, taħt l-Anġuvini, fit-tieni nofs tas-seklu tlettax ingħatat id-dritt ta' Kunsill Popolari biex isiru d-diskussjonijiet. Il-post fejn twaqqaf kien propju viċin ferm ta' fejn insibu lil Ħad-Dingli llum.
ŻEWĠT IRĦULA F'GĦAĠNA WAHDA - dokumentazzjonijiet dwar l-isem
Meta ġie maħtur l-ewwel isqof Malti il-Franġiskan Konventwal 'Ġakbu ta' Malta' u aktar tard meta naraw l-Aragoniżi f'Malta, insibu lil Ħal-Tartarni bi knisja ddedikata lil Santa Duminka. F'dan il-perjodu din il-knisja ġiet elevata għad-dinjita ta' Parroċċa.
Ħal-Tartarni llum għadu jeżisti bħala żona li tagħmel parti minn Ħad-Dingli. Iżda fil-qedem, kien Ħal-Tartarni l-aktar rikonoxxut. Jinsab propju ftit 'il fuq mill-Buskett tefgħa ta' ġebla minn fejn illum insibu Villa Psaigon.
Ħad-Dingli mhux ċar meta beda jifforma u jeżisti u daqstant ieħor mhux ċar minn fejn ġej l-isem 'Dingli'. Diversi storiċi ħallew miktub li Dingli huwa dderivat minn kunjom ta' familja li kienet tgħix f'dawn l-inħawi. Iżda hemm linji oħrajn ta' ħsieb li fid-dawl tal-preżenza Għarbija kif imsemmi aktar 'il fuq, jistgħu jagħmlu sens. Dan minħabba li l-kliem Għarbi 'Dagili' u 'Dagila' ifissru 'post miżgħud bis-sigar' - bosk. Giuseppe Barbera kiteb dan b'mod ċar ħafna meta qal illi ladarba ma hemmx provi ċari minn fejn gej l-isem, wieħed irid isib is-suppożizzjonijiet kollha. Apparti dan, Barbera kiteb li Ħad-Dingli huwa post sabiħ immens fin-nofs bejn Misraħ Suffara u l-Palazz tal-Verdala fuq it-triq tar-Rabat lejn Għar Bettija. (Dan inkiteb waqt jew wara l-ħakma tal-Kavallieri ta' San Gwann).
Is-seklu erbatax kien wieħed iebes ħafna għal Malta. Wara dan iż-żmien iebes, fis-sena 1419, insibu l-ewwel dokumentazzjoni uffiċċjali fejn l-isem ta' Ħad-Dingli kien 'Dinkili'. Il-popolazzjoni kienet ta' 325 li minnhom 40 biss kienu rġiel. Dawn l-40 imniżżla kienu biss dawk li jservu fid-dejma f'każ ta' bżonn bil-possibilita li kien hemm aktar irġiel fil-verita`. Din id-dokumentazzjoni hija l-unika waħda u tiġbor lil Ħal-Tartarni, Ħad-Dingli u l-Għemieri flimkien. Aktar tard f'listi oħrajn, Ħal-Tartani ma jissemmiex aktar u l-Għemieri kien car li ma kienx għad fadal aktar minn familja waħda u kien jissemma bħala taqsima tar-Rabat. Interessanti l-fatt li fil-lista ta' l-1419, kien hemm tliet irgiel li kien kunjomhom Dinkili, kif kien jismu r-raħal dak iż-żmien. Fil-kumplament ta' Malta kien hemm biss żewġt irġiel oħra b'dak il-kunjom. B'dan il-fatt nistgħu neliminaw il-linji ta' ħsieb li kienu qed jindikaw lill-kunjomijiet D'Ingli; Dinkeley jew Dingley bħala oriġini ta' l-isem Dingli minħabba l-fatt li dawn il-kunjomijiet ġew ferm aktar wara, fi żmien il-Kavallieri. Konferma ta' dan huwa t-tagħrif li kiteb il-Kavallier ta' San Ġwann, Louis de Boiseglin meta kiteb fl-1804 illi 'Dingkli' ħa ismu minn kunjom ta' familja Maltija. Nosservaw hawnhekk il-varjazzjonijiet fl-isem tar-raħal ~ fil-preżent: Dingli; fis-seklu sbatax: Dingkli u fis-seklu tlettax: Dinkili.
l-inħawi ta' fejn kien jinsab Ħal-Tartarni
MINN ĦAL-TARTARNI GĦAL ĦAD-DINGLI
Fl-ewwel żmien tal-Kavallieri f'Malta, insibu tagħrif ġej mill-parroċċa ta' Ħad-Dingli li permezz tagħha nafu li dan ir-raħal kien l-izgħar parroċċa tal-gżira minn numru ta' parruċċani. Ħad-Dingli kien ħareġ mill-parroċċa ta' San Pawl Appostlu tar-Rabat. Kien hemm diversi problemi għall-Kappillan ta' dan ir-raħal ċkejken, iżda l-ewwel kappillani ma pprotestawx għal din il-qagħda. Dawn il-kappillani nafu li kienu Dun Antonio Vitali (1528-1532) u Dun Mattew Surdo (1532-1533). Wara, peress li kien hemm it-tama ta' ristrutturar fil-parroċċa, inħatar Dun Nikola De Armanino bħala rettur. Dan kien l-ewwel wieħed li mexxa lil din il-parroċċa għat-tieni darba (l-ewwel perjodu fil-parroċċa ta' Ħal-Tartarni) pero ma damx wisq għax il-bidla minn Ħal-Tartarni għal Ħad-Dingli sabha diffiċli wisq. Fil-fatt dam biss mill-1539 sa l-1541. Ħad-Dingli ma kienx faċli biex jitmexxa speċjalment minħabba li l-parroċċa ta' Ħal-Tartarni damet biex giet ittrasferita bid-drittijiet kollha lejn dik ta' Ħad-Dingli. Il-kappillan kien jissejjaħ Rettur. Il-parroċċa 'il-ġdida' tqiegħdet taħt dik tar-Rabat u għalhekk il-popolazzjoni Dinglija kellha tħallas sitt irbajja fis-sena lill-parroċċa tar-Rabat.
Kien fl-1542 li din il-problema ġiet iċċarata u l-knisja ta' Ħad-Dingli bdiet tissejjaħ 'parrokkjali' biex dak li qabel kien dritt għal Ħal-Tartarni, issa ġie f'Ħad-Dingli minkejja li Ħad-Dingli sa dan iż-żmien baqa' parti mir-Rabat bil-kappillan jibqa' msejjaħ rettur. F'din il-knisja parrokkjali sa minn dan iż-żmien hekk imbiegħed, insibu li l-knisja kienet iddedikata lil Alla taħt il-ħarsien tal-Verġni Marija mtellgħa s-sema. Mhux ta' b'xejn illi l-imħabba kbira li d-Dinglin għandhom lejn Ommna Marija hija qawwija anke llum.
L-assedju tal-1565 ġab fuq Ħad-Dingli tfixkil kbir hekk kif il-poplu ċkejken mar sab kenn fis-swar ta' l-iMdina. Xhieda ta' dan huma r-reġistri parrokkjali tal-Katidral ta' l-iMdina li hemm fih imniżżlin ħafna Dinglin flimkien ma' oħrajn minn irħula oħra. Iżda wara r-rebħa Maltija fuq il-Misilmin, Ħad-Dingli reġa' beda jieħu l-ħajja b'mod speċjali bil-bdiewa li ma setgħux jaqilgħu l-għixien minn ġos-swar tal-belt.
Biss f'Ħad-Dingli ma nsibux biss bdiewa f'dan il-perjodu. Insibu wkoll familja nobbli, dik tal-Barunijiet Inguanez illi għamlu ħafna ġid lil dan ir-raħal kemm bl-artijiet li taw lill-Knisja kif ukoll bil-għajnuna lill-poplu fqir ta' dan ir-raħal rikk fl-istorja. Din il-familja għamlet ħafna xogħol biex Ħad-Dingli saret Parroċċa speċjalment bil-bini ta' knisja li skond it-tradizzjoni, żammet id-dritt fuqha. Din hija l-kappella ta' Santa Duminka li għadna nistgħu ngawduha sa llum.
ĦAD-DINGLI - il-parroċċa ta' l-Assunta
Fl-1575 il-Papa Girgor XIII ordna viżita appostolika f'Malta minn Mons. Pietru Dusina. Wara li dan żar il-Katidral, il-parroċċa tar-Rabat u l-knejjes żgħar tal-madwar, huwa ġie jżur Ħal-Tartarni u Ħad-Dingli nhar il-29 ta' Jannar. Jidher li l-knisja ta' Santa Duminka ta' Ħal-Tartarni illi kienet tissemma sa madwar 140 sena qabel, ma baqgħetx teżisti aktar iżda tissemma biss knisja ċkejkna ddedikata lil San Bartilmew. Din kienet mitluqa għal kollox saħansitra mingħajr bieb ta' barra u mingħajr pavimentar. Kien hemm biss madwar 20 familja toqgħod f'Ħal-Tartarni skond Dusina, u jgħid ukoll illi dan ir-raħal ma kellux post li jista' jissejjaħ knisja u xhud ta' dan huwa l-fatt illi n-nies ta' dan ir-raħal kienu qed iħarsu lejn Ħad-Dingli għal post tal-venerazzjoni tagħhom. L-isem li jikkwota Dusina huwa propju Ħad-Dingli, kif nafuh illum u mhux aktar Dinkili.
F'Ħad-Dingli, Dusina jikkummenta li sab knisja fil-parti l-aktar għolja tar-raħal u din hija ddedikata lill-Assunta iżda minkejja li kienet knisja parrokkjali, din ma kellhiex kappillan. Il-knisja kienet mgħammra bil-paramenti liturġiċi kollha iżda mingħajr saċerdot tal-post. Dusina f'Ħad-Dingli iltaqa' ma' ċertu Żakkarija Surgi li kien intrabat f'kuntratt b'xiri ta' art illi kellu jħallas ħames ħabbiet fis-sena lill-knisja ta' l-Assunta ta' Ħad-Dingli u li hu wiegħed li kien ser jibqa' jagħtihom.
Fis-sena 1607 naraw li l-knisja ta' Ħad-Dingli ingħatat id-drittijiet kollha ta' parroċċa u mhux aktar tard mis-sena 1610, f'Ħad-Dingli naraw lil Dun Xmun Fenech bħala rettur. Iżda dan ma kienx jgħix f'Ħad-Dingli minkejja li kien jamministra s-sagramenti kollha. Għal dan il-fatt, Dun Xmun ma setax jingħata t-titlu ta' kappillan u l-knisja kellha tinżamm taħt il-parroċċa tar-rabat minkejja li Ħad-Dingli kellu d-drittijiet kollha ta' parroċċa. Tajjeb jiġi ċċarat il-fatt illi fl-antik biex knisja tkun parrokkjali, mhux bilfors kellha tkun marbuta mal-preżenza ta' kappillan fil-post.

Il-knisja l-antika ta' Ħad-Dingli hekk kif kienet meta saret parroċċa
(ritratt meħud fl-aħħar snin tas-seklu dsatax)
Meta fit-18 ta' Mejju ta' l-1615, Malta ingħatat l-isqof Cagliares, dan ma damx ma mar f'Ħad-Dingli. Il-popolazzjoni wriet ix-xewqa li jkollha l-qassis tagħha li jkun jgħix mad-Dinglin. Kien ċar li Ħad-Dingli kellu dan il-bżonn iżda minkejja li Dun Xmun Fenech ingħata t-titlu ta' Kurat ta' Ħad-Dingli, qatt ma nsibu li huwa sejjaħ lilu nnifsu 'Parochus'. Għaldaqstant, jidher li Ħad-Dingli kien baqa' mingħajr ragħaj li jghix fi ħdanu.
Meta Dun Fenech beda jixjieħ, ingħata Viċi biex jgħinu. Fl-1626 kien hemm Dun Vinċenz Muscat li aktar tard fl-1644 inħatar kappillan. Fl-1633 Dun Pawl Mallia ssejjaħ Viċi-Kappillan. Fis-sena 1638 kien hemm Dun Ġamri Hellul li kien issejjaħ Viċi-Kappillan. Dan sakemm fit-18 ta' Ottubru ta' l-1643 Dun Xmun Fenech temm iż-żmien tiegħu f'Ħad-Dingli biex fit-2 ta' Diċembru ħalla din id-dinja.
Dun Vinċenz Musci inħatar kappillan fl-1644 iżda dan miet ftit wara biex fil-bidu tas-sena 1646 Dun Rajmond Mifsud sar il-Kappillan ta' Ħad-Dingli minkejja li dan ma kellux il-jeddijiet kollha tant li meta fl-1647 Ġann-Frangisk Abela kiteb dwar il-qagħda tal-knejjes parrokkjali f'Malta, Ħad-Dingli mhux imsemmi u zied jikteb illi d-dinjita' parrokkjali tal-knisja ta' Ħal-Tartarni kienet spiċċat għal kollox.
Fis-sena 1654, jidher ċar li Dun Rajmond Mifsud ma baqax jissejjaħ kappillan iżda pro-kappillan. Dan ifisser li kellu jaġixxi bħala kappillan mingħajr titlu filwaqt li serva fi knisja li baqgħet tissejjaħ parrokkjali. Dan sakemm fl-1668 fiż-żmien ta' meta l-Kanonku Ġann-Anton Cauchi kien Vigarju Kapitulari, il-knisja ta' Ħad-Dingli ma baqgħetx aktar bid-drittijiet tagħha tant illi nżamm il-permess milli jsiru magħmudijiet jew żwiġijiet u Dun Rajmond tneħħa minn Ħad-Dingli.
Bejn l-1670 u l-1678, Ħad-Dingli għadda minn żmien ikrah ħafna ta' faqar u pesta. Madankollu jidher li l-knisja ta' l-Assunta ma kenitx mitluqa. Sar xogħol ta' tibjid u anke xi tiswijiet fis-saqaf filwaqt li l-bieb ingħata ż-żejt, ġie rrestawrat il-kwadru titulari u ssewwew xi bankijiet. Ġiet imsewwija wkoll l-unika qanpiena li kellha l-knisja tar-raħal. Jidher ċar li f'Awwissu dejjem saret il-festa ta' l-Assunta u sa minn dawn iz-zmijiet, jidher li l-festa kienet issir Ħadd fuq il-15 ta' Awwissu. Kien biss bejn l-1675 u nofs l-1676 li l-affarijiet bħal donnhom waqfu. Kien dan iż-żmien li l-flaġell tal-pesta laqat lir-raħal ta' Ħad-Dingli. Jidher li f'dan il-perjodu, id-Dinglin fittxew lok aktar protett minn din il-marda qerrieda. Il-ftit li baqgħu Ħad-Dingli ma tantx nafu fuqhom għax min kien imut, kien jindifen bil-moħbi biex ħadd ma jsir jaf bit-tragedja li tkun laqtet lil dik il-familja.
Fis-sena 1676, Ħad-Dingli reġa' beda jilqa' lura lil uliedu hekk kif Ħad-Dingli kien ħeles mill-qerda tal-pesta filwaqt li ħafna partijiet minn Malta kienu għadhom ma ħelsux. Fl-1678 Malta ingħatat l-isqof Mikiel-Ġlormu Molina illi malajr induna bl-iżball li sar meta Ħad-Dingli tneżża mid-dinjita ta' parroċċa. Wara l-ewwel viżita pastorali ta' Molina, Dun Rajmond Mifsud intbgħat lura Ħad-Dingli biex fil-31 ta' Dicembru ta' l-1678, Ħad-Dingli ingħata l-erezzjoni ta' Parroċċa. Dun Rajmond issa kien xjaħ u filwaqt li ħassu grat illi l-iżball kien issewwa, fi Frar ta' l-1679 irreżenja minn Kappillan b'moħħu mistrieħ illi r-raħal ta' Ħad-Dingli kellu futur isbaħ quddiemu.
